L-Adulterju bħala Motiv għall Separazzjoni:Provi -X’Evidenza Titlob il Liġi?

“Kull parti miżżewġa tista’ titlob il-firda minħabba l-adulterju tal-parti loħra.”

Il-Qorti, f’diversi sentenzi, enfasizzat il-piż tal-evidenza li għandha tiġi ppreżentata fl- allegazzjonijiet ta’ adulterju, sabiex tali allegazzjoni tkun tista’ tiġi aċċettata bħala motiv għal separazzjoni personali. Il-Qorti tenfasizza li l-adulterju huwa motiv serju għal separazzjoni, u għaldaqstant, l-allegazzjonijiet jeħtieġu evidenza ċara u preċiża. Interessanti li, mhuwiex meħtieġ li jkun hemm xhieda diretta tal-fatt jew il-konstatazzjoni fil-flagranza, iżda huwa essenzjali li jkun hemm ċirkostanzi li jindikaw b’mod ċar l-imġieba suspettata. 2 Dan juri li l- evidenza ma tistax tkun limitata għal allegazzjonijiet mhux sostnuti, iżda għandha tkun bbażata fuq fatti ċari li jikkonfermaw l-allegazzjonijiet tal-parti li qed titlob il-separazzjoni.

Il-Qorti tenfasizza li l-indizji li jindikaw adulterju għandhom ikunu ta’ natura gravi, preċiża, u konkordanti. Dan jimplika li l-evidenza għandha tkun bbażata fuq ċirkostanzi li juru b’mod ċar li l-imġieba allegata kienet inkonsistenti ma’ żwieġ stabbilit. Il-Qorti tenfasizza li l-piż tal-prova (l-onus probandi) huwa fuq il-parti li tagħmel l-allegazzjoni ta’ adulterju. B’hekk, il-Qorti għandha twettaq evalwazzjoni rigoruża tal-evidenza ppreżentata, u tagħti importanża liċ-ċirkostanzi li juru b’mod ċar li l-adulterju seħħ. 3 Il-Qorti teħtieġ ukoll li l-evidenza ma tħalli ebda dubju qabel li tkun tista’ tagħmel deċiżjoni infurmata u ġusta.

L-infedeltà waħedha ma twassalx awtomatikament għat-tkissir tal-ħajja matrimonjali. Il-Qorti tikkunsidra l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ b’mod imparzjali, qabel ma tasal għal deċiżjoni u tuża d-diskrezzjoni tagħha biex tiżgura li l-allegazzjonijiet serji, bħal adulterju, ikunu appoġġjati minn evidenza ċara, sabiex tiġi evitata separazzjoni bbażata fuq suspetti li ma jkunux sostnuti minn evidenza valida u bbażata fuq fatti reali.