Rimedji f’ każ ta’ ħsarat fuq proprjetajiet ta’ persuni terzi skont ir-regolamenti l-ġodda

Ir-regolamenti l-ġodda dwar l-evitar ta’ ħsara lil proprjeta ta’ terzi persuni, tipprovdi varji prekawzjonijiet li l-iżviluppatur għandu jieħu biex jassikura li terzi persuni ma jiġux effetwati bix-xogħol ta’ kostruzzjoni li hu jkun qed jagħmel. Iżda din il-liġi xorta tagħti l-fakulta’ lil terzi persuni li f’ każ li jkun hemm ħsara tiġi riferita għall-arbitraġġ.

Dawn ir-regolamenti ġodda jikkunsidraw ukoll diversi rimedji li jistgħu jingħataw sakemm jinqata’ każ li jkun pendenti quddiem l-arbitraġġ, biex jassikuraw li ssir ġustizzja u jiġu protetti d-drittijiet tal-istess persuni.

L-iżviluppatur huwa obbligat li  qabel ma jibda xogħol,  ikollu polza ta’ assikurazzjoni li tkopri ħsarat li jistgħu jsiru minħabba x-xogħlijiet, b’tali mod li jkopri responsabbiltà għal ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni, inklużi ħsarat ta’ natura żgħira. F’ każ li terza persuna li għamlet talba għal danni kontra l- iżviluppatur għandha minnufih tinforma lid-Direttur responsabbli għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini jew kull uffiċjal pubbliku li jiġi debitament delegat mid-Direttur biex jaġixxi f’ismu u lill-iżviluppatur. Id-Direttur għandu jżomm il-polza tal-assikurazzjoni jew garanzija bankarja kollha kemm hi sa massimu ta’ erbgħin elf Euro (€40,000), jew parti minnha ekwivalenti għall-ammont li jkun qiegħed jiġi mitlub minn terzi persuni. Din is-somma tiġi rilaxxata il-mument li l-qorti tal-ġustizzja jew lodo f’arbitraġġ jiddeċiedu dwar il-kwistjoni, permezz ta’ sentenza jew deċiżjoni li hija finali.

Id-Direttur għandu d-diskrezzjoni li fejn ikun hemm ksur ta’ dawn ir- regolamenti li jippreżentaw theddida serja għas-sigurtà ta’ terzi persuni jew il-proprjetà tagħhom, huwa jista’ jieħu miżuri interim urġenti li jistgħu jinkludu talba lill-iżviluppatur sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma jasal għal deċiżjoni finali, jew l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi, jew it-tnejn.

Apparti minn hekk id-direttur għandu wkoll l-awtorita’ li joħroġ avviż ta’ infurzar, li jinkludi twaqqif jew interuzzjoni tal-attivita’ ta’ kostruzzjoni, jekk jara li x-xogħlijiet x’aktarx se jikkawżaw ħsarat materjali lill-proprjetà ta’ terzi persuni jew ser jirriżultaw f’periklu għall-ħaddiema jew għall-terzi persuni.

F’ każ li l-avviż ma jiġix rispettat, id-Direttur jista’ jidħol fis-sit ta’ żvilupp u jieħu dawk il-passi li huwa jqis neċessarji, inkluż l-iddiżattivar jew tneħħija ta’ tagħmir, makkinarju, għodda, effetti, vetturi jew oġġetti oħra li jista’ jkunu fuq is-sit u jista’ għal dan il-għan, jitlob l-assistenza tal-forza tal-ordni sabiex teżerċita dawk is-setgħat li huma mogħtija lilha skont il-liġi. Iżda jekk id-Direttur jiddeċidi li se jagħmel użu minn dawn il-metodi huwa għandu jinforma lill- iżviluppatur, lill-perit tal-proġett, lill-uffiċjal tekniku fuq is-sit u lill-persuna li tkun qiegħda twettaq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, fejn iwissihom bil-miżura li tista’ tittieħed u r-raġuni speċifika għala tista’ tittieħed.

Avviż ta’ infurzar jista’ jiġi rtirat biss mid-Direttur jekk tiġi sottomessa dikjarazzjoni ta’ metodu ġdida li tindika x-xogħlijiet ta’ rimedju neċessarji kollha u l-miżuri ta’ prekawzjoni.

Każijiet li ma jikwalifikawx għal arbitraġġ huma dawn biss;

(a) l-ħsara mġarrba minn terzi persuni ma ddgħajjifx l-istabbiltà tal-proprjetà tiegħu jew tipperikola lil min jużaha; jew

(b) l-ispiża tal-ħsara li tkun qed tiġi mitluba minn terzi persuni ma teċċedix il-miljun euro (€1,000,000).

Dan l-artiklu ma għandux jiġi ikkunsidrat bħala parir legali, iżda huwa sommarju tal-emendi tal-liġi. F’każ li tkun trid tkun taf kif dawn it-tibdiliet se jaffettwawk, ibgħat email fuq [email protected] .