Regolarizzazzjoni tal-użu tal-Karozzin

Riċentament ħarġu regolamenti ġodda li jirregolaw l-użu tal-karozzini, biex b’hekk jiġi assikurat il-ħarsien xieraq tal-annimali. Infatti din il-liġi tifforma parti mill-Att dwar il-Ħarsien Xieraq tal-Annimali (Kapitlu 439 fil-liġi Maltija).

Dawn ir-regolamenti jagħtu definizzjoni ta’ karozzin, fejn jitqies bħala;

‘vettura li tinġibed minn bhima li jkollha għall-anqas erba’ (4) roti u kompartament li jkun separat mill-kuċċier li jkollha liċenzja sabiex tintuża għall-ġarr stradali ta’ passiġġieri b’kiri jew b’kumpens’. 

Matul il-perjodu mill-ewwel ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu, il-karozzini jiġu projbiti milli jiċċirkolaw fit-toroq bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Apparti minn hekk f’kull vjaġġ ma jistax ikun hemm iktar minn ħames persuni fil-karozzin inkluż is-sewwieq u ma għandux idum iktar minn ħamsa u ebgħin minuta.

L-istess żiemel li jintuża biex imexxi l-karozzini ma għandux jintuża’ għal vjaġġi għal iktar minn tlett (3) ijiem f’ ġimgħa waħda, filwaqt li ma jistax jaħdem jumejn wara xulxin biex b’hekk ikollu ċans jistrieħ. Meta l-karozzin ikun wieqaf, iż-żiemel għandu jinżamm taħt it-tinda fil-venda tal-karozzini u għandu jingħata ammont adegwat ta’ ilma għax-xorb.

Il-Kunsill Lokali tal-Imdina, mar oltre dan u ħareġ regolamenti iktar dettaljati fejn jiddettaw li karrozzini użati b’kiri jew b’kumpens jistgħu jiċċirkolaw fl-Imdina f’kull ħin b’permess mgħoti mill-Kunsill, filwaqt li jkollhom il-qawqab tal-annimal u r-roti tal-karozzin ikunu miksija bil-lastiku. Sabiex karozzini jkunu jistgħu joperaw jistgħu japplikaw għal żewġ tipi ta’ permessi;

(a)  permess validu għal ġurnata għall-prezz ta’ mitt euro (€100) li jista’ jinħareġ fid-diskrezzjoni tal-Kunsill.

(b) permess validu għal sena għall-prezz ta’ tliet mitt euro (€300)  li  jista’ jinħareġ għal massimu ta’ tnax-il (12) sewwieq kull sena.

Ma jistax  ikun hemm iktar minn  sitt (6) karozzini jinstaqu ġewwa l-Imdina, iżda huwa possibbli illi jkun hemm sitt (6) karozzini oħra li  qegħdin  iniżżlu  u  jtellgħu  l-passiġġieri  fl-istand  tal-parkeġġ.

Dan l-artiklu ma għandux jiġi ikkunsidrat bħala parir legali, iżda huwa sommarju tal-emendi tal-liġi. F’kas li tkun trid tkun taf kif dawn it-tibdiliet se jaffettwawk, ibgħat email fuq [email protected] .