Min hu l-Avukat tal-Istat u x’ inhu dmiru?

Permezz tal-Att XXV tal-2019, ir-rwol tal Avukat Ġenerali ġie diviż bejn l-Avukat Ġenerali li se jibda jiġi meqjus bħala prosekutur pubbliku u l-Avukat tal-Istat li se jiġi inkarigat bil-proċeduri ċivili. L-Avukat tal-Istat se jassumi l-irwol tal-Konsulent Legali tal-Gvern, u b’hekk jirrapreżenta lill-Gvern fl-atti u l-azzjonijiet ġudizzjarji f’dawk il-każijiet fejn il-liġi ma tipprovdix li dik ir-rappreżentenza għandha tkun tvesti f’xi persuna jew awtorita oħra. F’każ ta pariri legali, d-dmir tal-Avukat tal-Istat huwa li jpoġġi bħala prijorita’ l-interess tal-pubbliku.

L-Att XXV tal-2019, flimkien mal-Kostituzzjoni ta’ Malta, jenfasizza li fejn l-Avukat tal-Istat għandu diskrezzjoni jeżerċita ġudizzju individwali tiegħu, huwa ma għandux ikun suġġett għal ebda ordni jew kontroll minn xi persuna jew awtorita oħra.

L-Avukat tal-Istat jiġi appuntat minn Kummissjoni tal-Ħatra li tiġi appuntata mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja. Din għandha tikkonsisti minn Chairperson u mhux inqas minn żewġ (2) u mhux aktar minn erba’ (4) membri, li fl-opinjoni tiegħu huma rispettati u fdati mill-pubbliku u huma kwalifikati teknikament. Din il-Kummissjoni għandha l-kariga li tiftaħ l-applikazzjonijiet għal persuni li għandhom il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa sabiex jinħatru għall-kariga ta’ Avukat tal-Istat. Skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta ħadd ma għandu jkun  kwalifikat  li  jkollu  l-kariga  ta’  Avukat tal-Istat jekk ma jkunx kwalifikat għal ħatra bħala mħallef tal-Qrati Superjuri.

Wara l-eżaminazzjoni tal-kandidati, rapport għandu jiġi provdut, fejn il-Kummissjoni tesprimi l-opinjoni tagħha dwar l-eliġibilità, l-adattabilità u l-mertu tal-kandidati. Fl-imsemmi rapport il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tagħti opinjoni dwar il-kandidati jew tista’ tikklassifikhom skont ordni ta’ preferenza.

Finalment huwa l-President, a bażi tar-rapport ippreparat mill-Kummissjoni u fuq il-parir mogħti lilu mill-Prim Ministru, li għandu r-responsabbilta li jappunta lil Avukat tal-Istat. L-Avukat tal-Istat, skont il-Kostituzzjoni, għandu jitneħħa bl-istess proċedura tal-Imħallfin tal-Qrati Superjuri u għalekk jista’ jitneħħa biss mill-President wara mozzjoni mill-Kamra tad-Deputati li jkollha favur tagħha vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri tagħha. Dan il-vot ta’ tneħħija għandu jittieħed biss f’ każ ta’ inkapaċità ippruvata li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew imġieba ħażina ippruvata. F’ każ li din ma seħħx, l-irwol tal-Avukat tal-Istat jintemm biss meta jgħalaq l-età ta’ ħamsa u sittin sena, fejn il-Kostituzzjoni tobbligah li jivvaka l-irwol tiegħu.

Dan l-artiklu ma għandux jiġi ikkunsidrat bħala parir legali, iżda huwa sommarju tal-emendi tal-liġi. F’kas li tkun trid tkun taf kif dawn it-tibdiliet se jaffettwawk, ibgħat email fuq [email protected] .