L-Adulterju bħala Motiv għall-Separazzjoni:X’Konsegwenzi Legali Jhalli Dan?

“Kull parti miżżewġa tista’ titlob il-firda minħabba l-adulterju tal-parti loħra.”

Meta l-adulterju jiġi stabbilit skont il-parametri spjegati fl-artikolu preċedenti, il-Qorti tkompli mal-proċedura tat-talba għal separazzjoni, li konsegwentament twassal għall-konsegwenzi legali severi.

L-adulterju, bħala motiv għat-talba għal separazzjoni, jimplika li l-parti li tkun ħatja tkun suġġetta għal telf ta’ drittijiet legali 6 , liema drittijiet huma relatati mas-segwenti:

  1. Id-drittijiet relatati mal-akkwisti tal-ġid miksub matul iż-żwieġ.
  2. Il-beni u l-donazzjonijiet riċevuti fi ħsieb taż-żwieġ li jistgħu jerġgħu jmorru lill-parti li ma kinitx responsabbli għat-tifrik tal-firda.
  3. It-telf tal-jedd li jintalbu nofs l-akkwisti li saru prinċipalment bil-ħidma tal-parti l- oħra wara l-waqfien tal-relazzjoni.
  4. L-obbligu tal-manteniment, fejn il-parti ħatja titlif ukoll id-dritt li titlob manteniment mingħand il-parti l-oħra.

Dawn id-dekadenzi huma mandatorji, u l-Qorti m’għandhiex diskrezzjoni fl-applikazzjoni tagħhom f’każijiet ta’ separazzjoni bbażati fuq adulterju. Madankollu, f’każijiet ta’ separazzjoni bbażati fuq motivi oħra, bħal per eżempju abbandun, l-Artikolu 51 tal-Kodiċi Ċivili jagħti lill-Qorti diskrezzjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dekadenzi.

Għalhekk il-Qorti għandha tivvaluta b’attenzjoni l-evidenza kollha ppreżentata, u tuża diskrezzjoni sħiħa biex tiżgura li l-proċess legali jkun ġust, leġittimu, u ibbażat fuq fatti ċari. Il-valutazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ adulterju għandha titwettaq b’mod imparzjali, bil-għan li jiġi applikat il-prinċipju tal-ġustizzja u li l-konsegwenzi legali jiġu stabbiliti skond id-dritt. L-għan huwa li l-allegazzjonijiet serji tal-adulterju jiġu eżaminati b’mod imparzjali u li l- konsegwenzi legali jiġu applikati b’mod koerenti, b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-partijiet involuti.