Ħsara lil persuni terzi f’ każijiet ta’ kostruzzjoni skont ir-Regolamenti l-ġodda

  1. (1) L-iżviluppatur għandu jieħu l-prekawzjonijiet raġonevoli kollha sabiex jiżgura li l-attività ta’ kostruzzjoni ma tirriżultax fi ħsara lil proprjetajiet kontigwi, inkluża ħsara li tista’ tirriżulta mill-infiltrazzjoni tal-ilma.

Dan l-artiklu huwa espliċitu fl-emendi li saru riċentement rigward ir-‘Regolamenti tal-2019 dwar l-Evitar ta’ Ħsara lil Proprjeta ta’ Terzi Persuni’, fejn dawn jassikuraw li qabel ma jinbeda xi xogħol ta’ kostruzzjoni jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħsara lit-terzi persuni.

X’ jitqies bħala kostruzzjoni f’ din il-liġi?

Il-kelma kostruzzjoni f’din il-liġi tinkludi kwalunkwe xogħol li jinvolvi skavar, id-demolizzjoni jew tneħħija ta’ kull struttura eżistenti, il-kostruzzjoni ta’ bini ġdid, l-bini ta’ sulari addizjonali, ħitan ta’ sapport jew strutturi oħra. Dawn ir-regolamenti japplikaw b’ mod speċifiku għall-kostruzzjoni li tkun qed issir fejn proprjetàjiet li jinsabu jmissu mal-limiti ta’, jew biswit eżatt ta’, jew sottostanti jew sovrastanti xi proprjetà ta’ jew okkupata minn terzi persuni.

X’ inhuma l-prekawzjonijiet stabbiliti mil-liġi?

Il-kuntrattur, bl-approvazzjoni tal-perit, għandu jinnomina l-uffiċjal tekniku fejn xogħlu huwa li jissorvelja x-xogħlijiet biex jassikura li l-prekawzjonijiet kollha qed jittieħdu u l-metodu maħruġ mill-perit qiegħed jiġi segwit. Dan ir-rapport irid jiġi ifformolat mill-perit qabel ma jibdew ix-xogħlijiet filwaqt li jinkludi wkoll rapport dwar il-kundizzjoni tal-proprejta’ li tista tiġi affetwata bit-tibdiliet li qed isiru fuq is-sit. Dawn iridu jiġu sottomessi lid-Direttur responsabbli għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini, sa mhux inqas minn ġimgħatejn qabel ma jibdew ix-xogħlijiet. Kull persuna li tkun tista’ turi bi provi li għandha interess dirett fix-xogħlijiet tissottometti rapport dettaljat imħejji minn perit li jindika r-raġunijiet tekniċi li jistgħu jkunu ta’ tħassib għas-siġurtà ta’ tali terza persuna jew il-proprjetà tagħha, ikollha dritt għal aċċess għal dawn id-dokumenti u dan għal raġunijiet ta’ trasparenza. Jekk is-sid jew l-okkupant ta’ tali proprjetà ta’ terzi persuni ma jaqbilx mar-rapport dwar il-kondizzjoni tal-proprjetà, għandu dritt li jinotifika lid-direttur u jissotometti rapport ieħor.  Hija fid-diskrezzjoni tad-direttur li jitlob lill-perit tal-proġett biex jikkonsulta mal-perit tas-sid jew l-okkupant tal-proprjetà ta’ terzi persuni sabiex jirrevedu r-rapport flimkien dwar il-kondizzjoni.

L-iżviluppatur għandu jiżgura li jagħmel polza ta’ assikurazjoni li tinkludi dawk il-proprejatijiet li qed jsir xi xogħol ta’ kostruzzjoni fuqhom, jew jistgħu potenzjalment ikunu affetwati b’dan ix-xogħol ta’ terzi persuni. Din l-assikurazzjoni għandha tkopri wkoll sitwazzjonijiet li jistgħu jikkawzaw diżabilità lil persuni jew mewt li tirriżulta mix-xogħolijiet jew attività ta’ kostruzzjoni mwettqa mill-iżviluppatur u l-kuntratturi li jkunu qegħdin jaħdmu fuq is-sit. Iżda l-kopertura tal-assigurazzjoni m’għandhiex tkun inqas minn seba’ mija u ħamsin elf euro (€750,000) u għandha tibqa’ tiġi mġedda sa dak iż-żmien meta kull xogħol ta’ demolizzjoni, skavar jew kostruzzjoni jiġu ċertifikati bħala kompluti mill-perit tal-proġett.

Dan l-artiklu ma għandux jiġi ikkunsidrat bħala parir legali, iżda huwa sommarju tal-emendi tal-liġi. F’kas li tkun trid tkun taf kif dawn it-tibdiliet se jaffettwawk, ibgħat email fuq [email protected] .