Emendi fuq liem provi jistgħu jiġu preżentati f’kas ta’ ksur tal-liġi fit-triq

L-artiklu 74 jibda billi jipprovdi li;

“Ebda vettura ma tista’ titħalla f’xi triq kontra xi regolamenti dwar ipparkjar jew f’dik il-qagħda jew f’dik iċ-ċirkostanza b’mod li aktarx tista’ tkun ta’ periklu jew ta’ xkiel lil nies oħra li jużaw it-triq.”

Permezz ta’ emendi li saru, illum jistgħu jkunu aċċettati ritratti fotografiċi, films, reġistrazzjonijiet video, xbihat elettroniċi jew kull tip ta’ reġistrazzjoni oħra li ssir permezz ta’ xi apparat ta’ sorveljar ta’ parkeġġ, bhala prova. Dawn il-provi jridu jkunu iċċertifikati permezz ta’ firma minn uffiċjal tal-pulizija jew uffiċjal tal-komunita’ (warden) fejn din iċ-ċertifikazzjoni għandha tinkludi l-jum, ħin u post fejn oriġinat il-prova. Dawn jistgħu kollha jiġu kkonvertiti minn format għal ieħor, trasmessa, maħżuna jew riprodotti b’mezz elettroniku jew b’kull mezz ieħor fejn tista’ tiġi riprodotta f’forma intelliġibbli.

Kull apparat li jista’ jintuża bħala prova, għandu jkun preskritt b’ordni tal-Ministru responsabbli għat-trasport u f’ din l-ordni għandhom jiġu stipulati l-kundizzjonijiet għalxiex se jintuża.

F’kaz li permezz ta’ dawn il-mezzi, hawn fuq imsemmija, jiġi identifikat is-sid tal-vettura huwa jiġi kwalifikat immedjatament bħala ħati għal kull reat li jkun hemm prova dwaru. Iżda din tkun valida biss, jekk is-sid jiġi mwaqqaf mill-pulizija jew warden dak il-ħin jew wara li jkun sar ir-reat.

F’ kaz lis-sid irid jikkontesta din il-prova, għandu jitlob l-attendenza tal-uffiċjal tal-pulizija jew uffiċjal tal-komunita’ (warden) li jkun magħruf li ffirma ċ-ċertifikat, għall-fini ta’ kontro-eżami.

This shall not be construed to be as advice. If you would like to get to know more about this, please do not hesitate to contact us on [email protected].